It-tħejjijiet għall-Junior Eurovision Song Contest 2026 li se jittella’ f’pajjiżna f’Ottubru li ġej, daħlu fl-aħħar fażijiet tagħhom. Dan huwa xhieda tal-impenn tal-Gvern sabiex Malta tkun ċentru ta’ attività kulturali u kreattiva fuq livell internazzjonali.
Il-Public Broadcasting Services (PBS) żvela uffiċjalment il-palk tal-Junior Eurovision 2026, żviluppat madwar il-kunċett ta’ ‘Festa’.
Il-Ministru għall-Arti, il-Kultura u l-Wirt Nazzjonali Malcolm Paul Agius Galea saħaq li l-fatt li Malta qed tospita din il-kompetizzjoni għat-tielet darba huwa xhieda tal-kapaċità ta’ pajjiżna li jorganizza produzzjonijiet internazzjonali ta’ skala kbira, filwaqt li joħloq aktar opportunitajiet għall-professjonisti Maltin fis-setturi kulturali, kreattivi u tax-xandir.
“Għalina, il-Junior Eurovision mhuwiex biss spettaklu internazzjonali. Huwa opportunità biex Malta turi dak li għandha x’toffri – kultura b’saħħitha, identità distinta, talent lokali u professjonisti kapaċi jwasslu produzzjonijiet tal-ogħla livell. Bħala Gvern, kommessi li nkomplu noħolqu l-opportunitajiet biex il-kreattività Maltija tikber, tissaħħaħ u tilħaq udjenzi lil hinn minn xtutna,” qal il-Ministru Agius Galea.
Il-Ministru rrefera wkoll għall-kunċett kreattiv ta’ din is-sena ‘Il-Festa’, li jieħu l-ispirazzjoni tiegħu mill-festa tradizzjonali Maltija u jwassalha b’mod kontemporanju lill-udjenza internazzjonali.
“Il-festa hija espressjoni ħajja tal-kultura u tal-identità tagħna. Hija tlaqqa’ l-komunitajiet, il-ġenerazzjonijiet, it-tradizzjoni u l-kreattività. Permezz ta’ dan il-kunċett, qed nieħdu element li huwa tant għal qalb il-poplu Malti u nagħtuh pjattaforma internazzjonali. Dan huwa eżempju ċar ta’ kif il-kultura tagħna tista’ tibqa’ msejsa fuq l-għeruq tagħha filwaqt li tħares ’il quddiem,” kompla l-Ministru.
Il-Kap Eżekuttiv tal-PBS Keith Chetcuti qal li, bl-appoġġ tal-Gvern, il-PBS qed ikompli jsaħħaħ l-ambizzjoni tiegħu li jwassal produzzjonijiet ta’ standard internazzjonali, imsejsa fuq it-talent u l-esperjenza lokali.
It-tliet preżentaturi tal-Junior Eurovision Song Contest 2026 se jkunu Gaia Cauchi, Destiny u Keane Cutajar. Gaia u Destiny huma ż-żewġ rebbieħa Maltin tal-Junior Eurovision.
Il-Junior Eurovision Song Contest 2026 se jsir fl-MFCC fl-24 ta’ Ottubru, u se jlaqqa’ f’Malta talent żagħżugħ minn madwar l-Ewropa f’ċelebrazzjoni ta’ mużika, kultura u kreattività.